KIF TWIELED U KIBER IL-MAGAŻIN - ftit storja

Il-magażin twieled f’Jannar 1948 bl-isem ta’ REGINA ET MATER bħala bħala l-leħen tal-Kongregazzjonijiet Marjani f’Malta u Għawdex.  “Il-Kongregazzjoni hija azzjoni, ħidma, appostolat”. Hekk igħid I-ewwel editorjal miktub minn Fr E. Tabone sj, direttur. Kienet l-għaqda ispirata mill-Ġiżwiti biex lajċi minn kull qasam tal-ħajja jgħixu l-Vanġelu skond l-ispirtu ta’ S. Injazju Loyola taħt il-ħarsien ta’ Marija u b’devozzjoni speċjali lejha.

Meta l-Kongregazzjoni Marjana nbidlet fil-Komunità ta’ Ħajja Nisranija, il-magażin baqa’ l-organu tal-moviment. Maż-żmien dan l-iskop żviluppa u r-Regina et Mater sar magażin ta’ formazzjoni nisranija għal kulħadd. Fl-1998, fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tiegħu, il-magażin ingħata xejra u forma mġedda. Fis-sena 2000, mal-bidu tal-millenju, ħa l-isem ta’ R+M2000, biex ikompli juri li hu magażin għall-bniedem tal-lum.

Imma dan il-magażin ma kienx l-uniku wieħed li kienu joħorġu l-Ġiżwiti. Miegħu kienu jippublikaw ukoll ‘Lil Ħbiebna’, bl-iskop li tinżamm ħolqa mal-ħafna ħbieb u benefatturi li kienu jħobbu l-missjoni u l-ħajja tal-Ġiżwiti. Maż-żmien iċ-ċirkustanzi nbidlu u fl-2005 inħass il-bżonn li ż-żewġ magażins ingħaqdu f’wieħed. Hekk l-‘RM2000’ sar ‘RM2000-LilĦbiebna’.

Minkejja l-bidliet kollha, l-iskop tiegħu baqa’ dejjem wieħed: li nwasslu lil Kristu u I-Vanġelu lill-bniedem tal-lum b’lingwaġġ li jiftiehem illum. Bħala Ġiżwiti aħna nemmnu li fi Kristu l-bniedem isib il-milja ta’ ħajja tassew bis-sens. Nemmnu wkoll fit-tajjeb u s-sabiħ li jinsabu fil-qalb ta’ kull persuna, minkejja l-varjetà u d-differenzi ta’ bejniethom. Nemmnu li lil Alla nistgħu nisimgħuh u nsibuh fil-ħajja ta’ kuljum u l-aktar f’xulxin. Permezz tal-magażin l-esperjenza ta’ wieħed tgħin lil ieħor.

Fl-istess ħin, nixtiequ li aktar nies isiru jafu dwar il-missjoni, il-ħidma u l-ħajja tagħna l-Ġiżwiti. Mhux tant biex isiru jafu lilna, daqskemm biex jissaħħru wara l-persuna ta’ Kristu li jmexxina u jisedinna nimxu warajh. Il-missjoni tiegħu li jkabbar is-Saltna tal-Imħabba fil-qlub tista’ sseħħ jekk flimkien kulħadd jagħti s-sehem tiegħu.

Minn qalbna ngħidu grazzi lil Alla għal dawn is-60 sena ta’ servizz u ħajja. Grazzi lil dawk li, tul is-snin, ħadmu biex din id-daqsxejn ta’ publikazzjoni tmiss il-ħajja ta’ eluf kbar ta’ nies. Grazzi lill-benefatturi u qarrejja li sostnew din il-missjoni bix-xogħol, ħin u offerti ġenerużi tagħhom. Magażin bħal dan jista’ jibqa’ jgħix daqshekk fit-tul biss jekk ikun frott ta’ ħafna mħabba u barka minn Alla.

Hija din il-barka t’Alla li bdiet u mexxiet din il-publikazzjoni għal tant snin. U hi se tkun li tibqa’ tmexxina għas-snin li ġejjin. Jalla dawn il-ftit paġni jkomplu iwasslu din il-barka f’aktar u aktar qlub għatxana għal ħajja aktar bis-sens u sabiħa tassew.

Min-naħa tagħna, nifirħu li wasalna għall-età tal-pensjoni… imma deċiżi li mhux se nirtiraw!


Fr Paul Chetcuti sj



My Blog

Kif twieled u kiber Il-Magażin

Email Me

Il-magażin tal-Ġiżwiti għall-familja kollha

• Kif twieled u kiber    • L-Edituri tul iż-żmien    • Arkivju   • Ritratti tal-qoxra

fittex is-site kollha

IL-MAGAŻIN

MIN AĦNA

ABBONAMENT

IKKUNTATTJANA

HOME

L-ISTEJJER